Messaġġ mill-President tal-Għaqda tal-Pawlini, Valletta
Huwa pjaċir tiegħi nwassal dan il-messaġġ permezz tal-website uffiċċjali tal-Għaqda tal-Pawlini bl-indirizz www.sanpawlmalta.com, inizzjattiva tajba ħafna li twassal informazzjoni utli mhux biss lill-membri tal-għaqda tagħna, iżda nformazzjoni aċċessibbli għal kulħadd.
Dan is-sit elettroniku huwa mezz biex jippromwovi l-patrimonju kulturali u reliġjuż ta’ pajjiżna u jipprovdi aġġornamenti oħra dwar l-attività tal-Għaqda tal-Pawlini.
Il-proġett ta’ din il-website kien prijorità fuq l-agenda tal-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini, grazzi għat-tħabbrik tas-Sur Paul Spiteri, u llum, seba’ snin wara, il-Kumitat ħass li għandu jkompli jaġġorna dan is-sit u jkompli jtejjeb il-prodott.
Kif għidt qabel, il-website għandha sservi wkoll bħala djarju biex inwasslu l-attivitajiet reliġjużi, soċjali, u dawk kulturali li jiġu organizzati mill-Parroċċa. ta’ San Pawl Nawfragu, Valletta.
Il-Wisq Reverendissimu Kapitlu tal-Kolleġġjata San Pawl Nawfragu tana l-approvazzjoni tiegħu biex il-Kumitat seta’ joħloq dan is-sit bil-għan li nipproduċu materjal interessanti u nformattiv dwar l-istorja tal-Festa, l-istorja tal-Parroċċa, u aktar minn hekk l-istorja dwar il-knisja ta’ San Pawl Nawfragu – patrimonju kulturali, kif jirriferi għaliha Mgr. Paolo Pullicino fil-kitbiet tiegħu dwar l-Istorja ta’ Malta ‘una elegante e graziosa chiesa’, espressjoni li verament tixraq lil din il-Kolleġġjata.
L-Għaqda tal-Pawlini mwaqqfa bi statut fl-1970 hi kostitwita bi tliet skopijiet ewlenin: li tikber l-imħabba tal-Maltin u l-Għawdxin lejn San Pawl, il-patrun ta’ Malta, partikolarment permezz tal-festa tan-Nawfraġju li tiġi ċċelebrata kull 10 ta’ Frar ta’ kull sena; li ssaħħaħ l-għaqda fost dawk li jgħożżu lil San Pawl bħala l-Qaddis tagħhom u li fil-ħidma kollha tagħha jkun kontinwament rifless l-impenn għat-tisħiħ spiritwali tal-membri u għall-integrazzjoni fil-ħajja soċjali u kulturali tal-komunita parrokkjali.
Il-Kumitat għandu wkoll inklużi tliet rappreżentanti tal-Kapitlu flimkien mal-Arċipriet tal-Kolleġġjata. L-Għaqda tal-Pawlini tagħraf li l-ħidma tagħha għandha tkun koerenti ma’ dak li jkun mixtieq mill-Kapitlu u għalkemm l-Għaqda tqis li r-responsabbiltà prattika tat-tnejn hi differenti, tapprezza li ħidmithom għandha l-istess skop finali u cioè li permezz tal-festa ta’ San Pawl tissaħħaħ il-fidi nisranija f’Malta u partikolarment l-għaqda fost il-Komunita Parrokkjali ta’ San Pawl fil-belt Valletta. L-Għaqda tal-Pawlini tagħraf id-drittijiet u d-dmirijiet tal-Kapitlu u temmen li biex jintlaħqu l-iskopijiet tat-tnejn, dan għandu jkun fuq bażi reċiproka.
Għaldaqstant din il-website għandha tkun mezz ta’ komunikazzjoni bejn il-membri tal-Għaqda tagħna u l-pubbliku nġenerali. Permezz ta’dan is-sit elettroniku, l-Għaqda għandha l-ħsieb li taġġorna lill-membri tagħha bil-proġetti u inizzjattivi li tkun ser taħdem fuqhom. Din il-website qed tgħin biex l-Għaqda tilħaq lill-Pawlini li ħarġu mill-Belt Valletta, li għandhom sentiment Pawlin iżda qatgħu l-kuntatt u għalhekk il-website għandha tkun punt ta’ riferiment.
Matul din is-sena, il-Kumitat kompla ddedika mill-ħin tiegħu fuq dan il-proġett fejn ħatar kummissjoni magħmula minn Antoine Farrugia, Martin Gravina, u Joswè Tabone, membri tal-Għaqda biex jieħdu ħsieb jamministraw u jżommu din il-website ħajja u aġġornata. F’isem il-Kumitat nirringrazzjahom tal-aċċettazzjoni tagħhom f’dan il-qasam.
Wara dawn is-snin li ilha tiffunzjona din il-website, il-Kumitat ried jagħti dehra ġdida u jippreżenta materjal aġġornat. Nittama li tieħdu gost bix-xogħol li sar fuq dan is-sit.
Nagħlaq dan il-messaġġ billi nagħti merħba lil Rev. Mario Tong fil-familja pawlina u nawguralu fil-missjoni ġdida tiegħu bħala Arċipriet tal-Parroċċa San Pawl Nawfragu.

Etienne Montfort