L-istorja tal-festa tan-Nawfraġju fil-belt Valletta

Bla dubju ta’ xejn, il-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl fil-belt Valletta għandha storja twila warajha.  Ma setax jonqos li mat-twaqqif tal-knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, kemm il-kleru kif ukoll il-parruċċani Pawlini ma damux ma bdew jiċċelebraw ta’ kull sena b’mod solenni kif kien jixraq, il-festa titulari tan-Nawfraġju ta’ San Pawl.

U kif kien jixraq, il-festa Parrokkjali Pawlina sa mill-bidu ħadet dimensjoni djoċesana u nazzjonjali bil-parteċipazzjoni kemm tal-Isqof tad-djoċesi u kif ukoll tal-Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann li kien jaħkem lill-gżejjer tagħna f’dawk iż-żmenijiet.

Għal ħafna snin, l-Isqof kien jieħu sehem f’din il-festa flimkien mal-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina.  Iżda dawn kienu jistgħu jieħdu sehem biss fil-purċissjoni.  Dan għaliex għall-ewwel snin, il-festa solenni tat-tifkira tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl kienet titfakkar fil-25 ta’ Jannar, festa liturġika tal-Konverżjoni ta’ San Pawl.  Għal ħafna snin għalhekk il-festa tan-Nawfraġju Pawlin ma kellhiex jum speċjali għaliha kif nafuh illum.

Festa 2011

Jannar, 2011  •  Iktar

Dettallji tal-Festa

Magħżul il-jum tal-10 ta’ Frar

Fl-1684 sar Isqof ta’ Malta Mons. Fra David Cocco Palmieri.  Dan sa mill-bidu tal-ħatra tiegħu wera kemm kellu għal qalbu l-ġrajja provvidenzjali tan-Nawfraġju ta’ San Pawl fuq gżiritna u t-tifsira tagħha għall-poplu Malti kollu ta’ dawn il-gżejjer.  Bħall-Isqfijiet kollha ta’ qablu, huwa qatt ma naqas li jieħu sehem fil-purċissjoni ta’ San Pawl fil-Belt, Ħadd wara l-festa tal-Konverżjoni fl-Imdina.

Iżda huwa ma kienx kuntent li l-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, festa li kien jaraha tant importanti għall-Knisja Maltija, ma kenitx tiġi ċċelebrata f’jum speċjali għaliha.  Huwa kien iħoss li din il-festa kien jixirqilha li tkun iċċelebrata f’jum differenti minn dik tal-25 ta’ Jannar.  Barra minn hekk huwa lanqas kien kuntent li bħala Isqof ta’ Malta ma setax ikun preżenti għall-funzjonijiet sagri kollha li jsiru fil-knisja ta’ San Pawl fil-jum tal-festa.  Huwa kien jixtieq li fil-jum tal-festa ta’ San Pawl ikun liberu mill-funzjonijiet li bħala Isqof ta’ Malta kien fid-dmir li jmexxi fil-Kattidral tal-Imdina biex ikun jista’ jieħu sehem ukoll fil-quddiesa solenni u mhux fil-purċissjoni biss.

Din ix-xewqa kbira tiegħu seta’ jwettaqha u jagħmilha realtà fl-1692, tmien snin wara l-ħatra tiegħu bħala Isqof ta’ Malta.  F’dik is-sena, il-Papa Urbanu VIII kien ħareġ Kostituzzjoni ġdida msejħa ‘Universa’ li biha ddekreta li l-festa tal-Protettur ta’ Provinċja kif ukoll dik tal-Protettur tal-lok fl-istess Provinċja, kellha tiġi meqjusa bħala festa kmandata għal dak il-lok, bl-obbligu u s-smiegħ tal-quddies u waqfien mix-xogħol.

<aktar>