Messaġġ tal-President tal-Fergħa Żgħażagħ
Is-Sur Stephen Baldacchino
“B’Determinazzjoni lejn il-Futur…”
B’din il-frażi nixtieq naghtikom merħba fil-website tal-Għaqda tal-Pawlini fl-ispazju riservat għall-Kumitat tal-Fergħa Żgħażagħ Pawlini fi ħdan l-istess ‘Għaqda’. Huwa ta’ unur għalija li qed niltaqa’ magħkom bħala l-President tal-FŻP.
Biss xi jfisser li tkun President? Ifisser li għalkemm fil-widnejn it-titlu jistema’ wieħed sabiħ u dinjituż, fit-twettiq tiegħu jirrikjedi li fil-kumitat ikun l-aktar wieħed flessibbli u saqajh mal-art, jagħraf iżomm kontroll, jagħti ċans u jgħin lil kull membru jagħti l-opinjoni tiegħu u jesprimi dak li jħoss iżda fuq kollox li jiċċekken b’tali mod li ma jħalli lil ħadd iħossu li huwa inqas minn ħaddieħor fl-istess kumitat u li l-ħidma tal-istess membri tinqasam kemm jista’ ikun fuq l-istess livell.
Bla dubju ta’ xejn, il-Fergħa Żgħażagħ ser tkompli miexja fuq il-passi li diġà qabdet fil-passat; li sservi ta’ forċina mill-aqwa lill-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda tal-Pawlini. Wara kollox dan hu l-għan ewlieni u prinċipali tagħha. Ser tkompli taħdem ukoll biex tressaq aktar żgħażagħ ġodda lejha kif ukoll tistinka biex tkabbar l-imħabba u d-devozzjoni lejn l-Appostlu Missierna San Pawl. Apparti minn hekk, il-‘Fergħa’ tagħna ser tkompli tvara aktar attivitajiet kulturali, soċjali, sportivi u reliġjużi. Attivitajiet li kollha f’daqqa jagħtu sens lill-ħidma li ssir tul is-sena kollha b’risq il-festa. Wieħed jista’ jaċċessa l-kalendarju tal-‘Fergħa’ tagħna billi jikklikkja fuq ‘Ġrajjiet Kurrenti’. Ser tkompli ukoll bil-ħargiet tal-fuljett ‘Leħen iz-Żgħażagħ’. Dan il-fuljett jagħti informazzjoni varja fuq diversi okkażjonjiet fil-ħajja tal-‘Fergħa’ kif ukoll huwa dak li jgħaqqadna mal-kumplament tal-membri kollha mseħbin fl-Għaqda tal-Pawlini.
Nieħu din l-opportunità biex nistieden aktar żgħażagħ jingħaqdu magħna biex flimkien inkunu l-protagosnisti tal-festa li tfakkar jum il-magħmudija ta’ Malta fil-Krisjaneżmu kif ukoll biex nitħeġġu dejjem aktar biex nimxu flimkien fit-triq li twassalna għand il-Mulej kif ħtieġlu jagħmel l-Appostlu Missier San Pawl il-Patrun tal-Gżejjer Maltin.
Jekk interessat tissieħeb fl-Għaqda tal-Pawlini tista’ timla l-Formula tas-sħubija mill-istess website jew minghand xi membru tal-kumitat.
Grazzi tal-ħin tagħkom f’din il-website.
Stephen Baldacchino
VIVA L-APPOSTLU MISSIERNA SAN PAWL PATRUN
TAL-GŻEJJER TAGĦNA U MISSIER IL-MALTIN.